Fuq din il-paġna, issib preżentazzjoni ġenerali dwar l-Eurojust. Għandek ukoll issib konnessjonijiet għad-dokumenti kollha disponibbli bil-Malti. Jekk tixtieq tirċievi aktar informazzjoni, jekk jogħoġbok ikkonsulta s-sit bl-Ingliż jew ikkuntattja lill-Eurojust.
L-Eurojust ġie stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/426/ĠAI tas-16 ta’ Diċembru 2008.
Il-kompitu tal-Eurojust huwa li jtejjeb l-effiċjenza tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ investigazzjoni u prosekuzzjoni meta dawn ikunu qed jittrattaw ma’ reati serji transkonfini u organizzati, u biex il-kriminali jinġiebu quddiem il-qrati tal-ġustizzja malajr u b’mod effettiv. Il-viżjoni tal-Eurojust hija li jkun l-attur prinċipali u ċ-ċentru ta’ esperjenza fuq livell ġudizzjarju biex tittieħed azzjoni effettiva kontra l-kriminalità organizzata transkonfini fl-Unjoni Ewropea.
L-Eurojust ġie stabbilit fl-2002. Il-missjoni tiegħu hi biex jappoġġa u jsaħħaħ il-kordinazzjoni u l-koperazzjoni bejn awtoritajiet nazzjonali fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja transkonfini li taffettwa l-Unjoni Ewropea.
Kull wieħed mis-28 Stat Membru jissekonda rappreżentant anzjan biex dan jaħdem fl-Eurojust fl-Aja. Dawn ir-rappreżentanti huma prosekuturi ta’ esperjenza, imħallfin jew uffiċjali tal-pulizija ta’ kompetenza ekwivalenti.
Bejniethom, jwettqu l-mandat tal-Eurojust biex jikkordinaw l-awtoritajiet nazzjonali f’kull stadju ta’ investigazzjoni u prosekuzzjoni kriminali. Huma wkoll jirriżolvu l-isfidi u l-problemi prattiċi li jinħolqu mid-differenzi bejn is-sistemi legali ta’ Stati Membri.
Il-Membri Nazzjonali huma appoġġati minn Deputati, Assistenti u Esperti Nazzjonali Sekondati. Fejn l-Eurojust għandu ftehim ta’ koperazzjoni ma’ Stat terz, il-Maġistrati ta’ Kollegament minn dak l-Istat terz jistgħu jaħdmu mal-Eurojust. Bħalissa, Maġistrati ta’ Kollegament in-Norveġja u l-Istati Uniti tal-Amerika qed jaħdmu mal-Eurojust. Leġiżlazzjoni riċenti tal-UE tipprovdi wkoll li l-Eurojust jista’ jinnomina Maġistrati ta’ Kollegament għal Stati terzi.
L-Eurojust huwa wkoll bażi għas-segretarjati tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew, in-Netwerk ta’ punti ta’ kuntatt għal ġenoċidju, reati kontra l-umanità, reati ta’ gwerra, u għan-Netwerk għal-Timijiet ta’ Investigazzjoni Konġunti.
L-Eurojust huwa appoġġat minn personal li jilħaq bejn wieħed u ieħor mitejn persuna, li jassiguraw risposti ta’ malajr għal talbiet għal għajnuna minn awtoritajiet nazzjonali u korpi oħra tal-UE.
X’JAGĦMEL L-EUROJUST
L-Eurojust jitratta madwar 2000 każ fis-sena. Jorganizza wkoll bejn wieħed u ieħor 200 laqgħa ta’ kordinament fis-sena. Dawn il-laqgħat iġibu flimkien awtoritajiet nazzjonali ġudizzjari, ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni minn Stati Membri u, fejn ikun xieraq, minn Stati terzi. F’dawn il-laqgħat kwistonijiet dwar ix-xogħol fuq il-każijiet jiġu solvuti u jiġu żviluppati pjanijiet għal azzjonijiet operattivi bħal ma huma arresti u tfittxijiet simultanji.
Laqgħat ta’ kordinament jiffokaw fuq ġrajjiet speċifiċi tar-reati identifikati bħala prijoritajiet mill-Kunsill tal-UE: terroriżmu, traffikar tad-droga, traffikar tal-bnedmin, frodi, korruzzjoni, reati virtwali, riċiklaġġ ta’ flus, u attivitajiet oħra li għandhom x’jaqsm mal-preżenza ta’ gruppi ta’ kriminalità organizzata fl-ekonomija.
L-Eurojust għandu numru ta’ rwoli prinċipali u setgħat li huma elenkati fid-Deċiżjoni tal-Eurojust. Bħala eżempju, jirrispondi għal talbiet għal għajnuna mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istat Membri. Mill-banda l-oħra, l-Eurojust jista’ jitlob lill-Istati Membri biex jibdew l-investigazzjonijiet jew il-prosekuzzjonijiet ta’ atti speċifiċi.
L-Eurojust jgħin ukoll biex jiġu solvuti kunflitti ta’ ġurisdizzjoni fejn aktar minn awtorità nazzjonali waħda tkun f’pożizzjoni li twettaq investigazzjoni jew prosekuzzjoni f’każ partikolari. L-Eurojust jiffaċilita l-eskuzzjojni ta’ strumenti ġudizzjarji internazzjonali bħalma hu l-Mandat ta’ Arrest Ewropew. Jipprovdi l-finanzjament tal-ħtiġiet biex jiġu stabbiliti u l-ħtiġiet operattivi tat-Timijiet ta’ Investigazzjoni Konġunta.
L-IMSIEĦBA TAL-EUROJUST
Ix-xogħol tal-Eurojust huwa bbażat fuq relazzjonijiet mill-qrib mal-imsieħba tiegħu. Dawn l-imsieħba huma kemm awtoritajiet nazzjonali kif ukoll korpi tal-UE bħal ma huma n-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew, l-Europol, l-OLAF (f’każijiet ta’ reati kriminali jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea), il-Frontex, is-Sitcen, is-CEPOL u n-Network ta’ Taħriġ Ġudizzjarju Ewropew, u saħansitra kull korp ieħor li jkun kompetenti permezz tad-disposizzjonijiet adottati fil-qafas tat-Trattati.
Naħdmu biex nassiguraw li jiġu żviluppati sħubijiet fil-ġlieda kontra reati transkonfini (li dwarhom l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti huwa parti important ħafna) sabiex nipprovdu l-aħjar kordinament u koperazzjoni possibbli biex tiġi żgurata żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għaċ-ċittadini kollha tal-UE.
DOKUMENTI
Rapport Annwali tal-Eurojust
Qafas ġudizzjarju
Korp ta’ Superviżjoni Konġunta